L-iskandlu taż-żejt, u l-maħfra kurjuża lill-perċimess ewlieni, George Farrugia
F’Jannar tal-2013 MaltaToday kienet kixfet it-tixħim li kien qed isir minn George Farrugia fix-xiri taż-żejt mill-Enemalta. Ir-rivelazzjonijiet ddettaljaw xibka sordida ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus. Apparti l-aġent tat-Total George Farrugia, dawk involuti inkludew l-eks chairman tal-Enemalta Tancred Tabone, l-eks kap tal-Enemalta Petroleum Alfred Mallia, l-eks kontrollur finanzjarju tal-Enemalta u membru tal-kumitat tal-akkwist tal-fjuwil Tarcisio Mifsud, u x-xjenzat tal-petrokimika Frank Sammut.
Fi ftit jiem mill-kxief ta’ dan l-għawar, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar li se ‘jiggarantixxi’ maħfra Presidenzjali (“proklama”) lil kull min kellu evidenza ta’ l-imsemmi tixħim.
Inizjalment il-pulizija oġġezzjonat, u sostniet li diġà kellha l-evidenza kollha meħtieġa biex tipproċedi kontra s-suspettati ewlenin. Iżda huma rtiraw l-oġġezzjoni wara li saret talba formali mis-suspettat ewlieni involut fl-iskandlu: George Farrugia, li l-korrispondenza bl-email tiegħu ma’ Trafigura tifforma parti mill-korp ta’ evidenza li tipponta lejn ix-xibka ta' ħażen ta’ dan il-każ.
Il-pulizija malajr aġixxiet u għamlet diversi arresti, u bdiet il-proċess biex is-suspettati l-oħrajn (apparti n-negozjant George Farrugia, li t-talba tiegħu għall-maħfra Presidenzjali ġiet milqugħha) jitressqu l-Qorti minnufih.
Intant il-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi malajr wasal fi ftehim barra l-qorti biex il-pajjiż iħallas €5 miljuni (mingħajr taxxa) lill-kumpanija taż-żejt Shell, bħala kumpens għall- prattiki inġusti li soffrew. Ta’ min issemmi li r-rappreżentant legali ta’ Shell inserta li ma kien ħadd ħlief Simon Busuttil, dak iż-żmien MEP Nazzjonalista, u li wara laħaq Kap tal-Oppożizzjoni.
Fi Frar tal-2015, in-negozjant taż-żejt George Farrugia beda jixhed fil-konfront tal-ħames ħutu, u saħaq li huma kienu jafu u approvaw it-tixħim li ħallas lill-eks uffiċjali tal-Enemalta biex jirbħu l-offerti għal TOTAL u Trafigura.
L-aħwa Farrugia, jiġifieri Antonio 68, mekkanik mill-Marsa, Gaetano, 65, irtirat, mill-Marsa, Raymond, 62, irtirat mill-Marsa, Emmanuel, 59 mill-Ħamrun, u Salvatore, 60, mill-Marsa, kienu qed jiġu mixlija b'kompliċità fit-tixħim ta’ uffiċjali għolja tal-Enemalta, kif ukoll bi ksur tal-Att dwar il-Kumpaniji. It-tieni akkuża ġġorr multa sa massimu ta’ €500,000.
Intant George Farrugia baqa’ fin-negozju jimporta lubrikant u jforni il-pompi tal-petrol madwar Malta u Għawdex. U minkejja l-akkużi kontrihom, ħafna mill-protagonisti fl-iskandlu taż-żejt tal-Enemalta baqaw għaddejien bin-negozju tagħhom xorta waħda. L-operazzjoni tal-bunkering tagħhom ngħatat l-isem ġdid ta’ Valletta Bunkers, u bdiet titmexxa minn rappreżentanti u qraba tal-gruppi jew familji tan-negozju Tabone-Portelli-Cassar.
L-interessi kummerċjali tagħhom ġew kkonsolidati fil-kumpanija Valletta Petroleum Holdings, li l-ishma tagħha huma miżmuma minn Alta Investments ta’ Tabone, Virtu Holdings ta’ Portelli, u Cassar Marine Services ta’ Cassar.
Mill-2015 l’hemm il-momentum tal-prosekuzzjoni bħal weħel, u għalkemm baqaw isiru għexieren ta' seduti għal kull wieħed mill-każijiet separati, effettivament ma’ kien hemm ebda progress ta’ xejn.
Din l-ineffiċjenza minn naħa tal-prosekuzzjoni giet ikkundannata mill-Qorti Kostituzzjonali stess madwar sena ilu, fejn saqsiet, “X'qed tistenna l-prosekuzzjoni? Li jmutu x-xhieda kollha, inkluż Tarcisio Mifsud?”
L-ebda wieħed mill-proċessi relatati mal-iskandlu taż-żejt għadu ma ġie konkluż, u s’issa l-ebda wieħed mill-akkużati ma nstab ħati. Intant, Alfred Mallia, l-eks kap tal-Enemalta Petroleum, ħeles minn kollox u ħallina fl-2019.