Ilbieraħ kien l-anniversarju ta’ wieħed mill-aktar qtil faħxi fl-istorja ta’ Malta — il-qtil brutali fl-20 ta’ Marzu 1999 tal-kuntistabbli ta’ 24 sena Mark Farrugia f’Ħal Tarxien, maqtul kiesaħ u biered b’tir ta’ senter fuq l-għatba tad-dar tiegħu hekk kif wasal lura mix-xift ta’ bil-lejl.
Huwa kien nqatel mill-kuntistabbli Etienne Carter, li eventwalment kien ġie kkundannat 22 sena ħabs għal dan ir-reat. Etienne Carter inħeles mill-ħabs fl-2013, wara li attwalment serva biss 14-il sena.
Fir-ritratt, li kien ittieħed fl-2015, naraw lil Etienne Carter igawdi l-ħajja mal-ħabib tiegħu Meinrad Calleja. Meinrad Calleja kien weħel il-ħabs f’Ruma fuq traffikar tal-kokaina fis-snin tmenin, iżda ġie rritornat lura Malta mill-gvern Taljan bil-ftehim li kien se jiskonta l-kumplament tas-sentenza tiegħu fil-ħabsijiet Maltin. Imma minkejja dan il-ftehim, huwa ġie meħlus lura fis-soċjetà Maltija immedjatament mar-ritorn tiegħu.
Huwa issokta bl-operazzjoni tiegħu bbażata fil-Brażil u tpoġġa taħt sorveljanza mill-awtoritajiet tar-Renju Unit minħabba l-vjaġġi frekwenti tiegħu bejn dak il-pajjiż u Heathrow f’ Londra. Missier Calleja dak iż-żmien kien uffiċjal għoli ħafna tal-armata, u b’hekk kien gawda protezzjoni minn investigazzjoni għal snin twal, b’ aċċess liberu għal-VIP lounge fl-ajruport ta’ Malta, mingħajr ebda skrutinju mill-uffiċjali tad-dwana.
Fl-aħħar il-pulizija kellha taġixxi f’Diċembru tal-1993, meta mara żagħżugħa nqabdet twassal kilo kokaina lil raġel jistenna f’karozza f’Tas-Sliema, u dak ir-raġel kien qed jiġi mħares mill-pulizija. Ġew fuqu u fuq iż-żagħżugħa u skoprew — bla dubju għall-orrur u l-iskantament tagħhom — li missierha kien l-Uffiċjal Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Maurice Calleja.
"Ħija tani l-borża," qalet lill-pulizija. "Ma kellix idea li kien fih il-kokaina." L-affarijiet marru għall-agħar meta żiedet li ħuha kien taha l-kilo kokaina waqt li kienu fid-dar tal-kap tal-armata.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li Meinrad Calleja kien ikkonfoffa biex ibigħ sitt kilos kokaina lil Charles Muscat, magħruf bħala Il-Pips. Ftit xhur wara, Muscat spara u qatel żewġ persuni wara li għamel ħames tijiem jikkonsma l- kokaina f’daru fil-Mosta. Il-vitmi kienu negozjant ieħor tad-droga li kien ġewwa daru, u ġar tiegħu li kien inserta barra fit-triq jsewwi l-karozza tiegħu. Huwa kien ikkundannat 25 sena ħabs iżda serva biss 17. Huwa kien inżamm taħt arrest preventiv immedjatament wara l-qtil doppju tal-1994, iżda nħeles fl-2011.
Intant Meinrad Calleja kien ikkundannat fl-2001 15-il sena ħabs u mmultat Lm30,000 (€70,000), wara li kien inżamm taħt arrest preventiv għall-ħames snin. Huwa nħeles ħames snin u nofs wara, lejn l-aħħar tal-2006, wara li serva ftit inqas minn 11-il sena mis-sentenza tiegħu, u wara li tħalla kważi kuljum barra l-ħabs biex jattendi kors ta’ degree full-time fl-Għarbi fl-Università ta’ Malta, bix-xufier mit-trasport tal-Ħabs ta’ Kordin ġej u sejjer bih, u sadattant b’libertà li jdur l’hawn u l’hemm madwar il-kampus mingħajr sorveljanza.
Sors prinċipali: Daphne Caruana Galizia’s Notebook