Kullħadd isemmi li Franco Debono kien waqqa' l-gvern fl-10 ta' Diċembru 2012, meta vvota kontra l-baġit. Dak iż-żmien Debono kien insista li l-Ministru tat-Trasport Austin Gatt għandu jassumi responsabbiltà, billi jirreżena, ta' fallimenti f'diversi setturi u f'diversi riformi, fosthom ir-riforma tat-trasport pubbliku, kif ukoll it-telf kbir finanzjarju li ġarrbu d-Dry Docks minħabba deċiżjonijiet żbaljati bħall-kuntratt ta' Fairmount. Debono kien għamilha ċara lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li sakemm Gatt jibqa' ma jirriżenjax, hu mhux se jivvota favur il-baġit, u mingħajr il-vot tiegħu, l-abbozz tal-baġit ma kienx se jgħaddi.
Dak li pero tipikament ma jissemmix f'din l-istorja kollha, huwa l-kuntest. L-aħħar elezzjoni ġenerali kienet fl-2008, mirbuħa mill-PN. Lawrence Gonzi kien reġa' assuma l-kariga ta' Prim Ministru mill-11 ta' Marzu 2008, għalhekk f'Diċembru 2012, il-mandat leġiżlattiv ta' ħames snin (hekk kif dettat mill-Kostituzzjoni ta' Malta) kien xorta waħda ħa jiskadi fl-10 ta' Marzu 2013, u infatti kien ġa kważi skada għalkollox — tant hu hekk li dik il-leġiżlatura baqgħet iżżomm postha sal-aħħar nett, bil-Prim Ministru Lawrence Gonzi, wara l-vot ta' Debono, jiskeda l-elezzjoni ġenerali li kien jmiss għad-9 ta' Marzu 2013, u b'hekk ġie żgurat li l-mandat massimu ta' ħames snin ikun ġie servut fl-intir tiegħu.
